Home > Opinion > IL-PN u l-Korruzzjoni

IL-PN u l-Korruzzjoni

Corruption

Il-PN iridu jitkellmu fuq il-korruzzjoni?

Il-politiċi tal-Partit Nazzjonalista huma tassew nies ipokriti u ma jafux jistħu. Wara li redgħu u ffungaw kemm felħu minn fuq dahar il-pajjiż, iridu jagħmlu protesta kontra l-korruzzjoni. Forsi ftit minnhom inqabbdu jieħdu sehem f’korruzzjoni proprja għaliex mhemmx dubju li jafu jgħattu xturhom sew, iżda n-nuqqas t’etika li mmarkat it-tmexxija Nazzjonalista matul il-leġislaturi tagħhom, l-aktar fl-aħħar ħamsin għandha tħammar wiċċ anke lill-aktar persuna li għandha wiċċa nfurrat f’Malta.

Qatt tinsew li l-maġġoranza tal-membri parlamentari Nazzjonalista huma dawk li taw lilhom infushom żieda ta’ 600 ewro fil-ġimgħa li biex isoddu lil min kien qed jikkritikahom niżżluha għall-500 ewro fil-ġimgħa, u wara li suppost li kellhom iroddu ż-żieda lura, għad fadlilhom aktar minn miljun ewro bejniethom x’jagħtu lura. Immaġina inthom ħaddiema komuni u biż-żball jagħtukhom xi ftit ewros żejda fil-paga kemm jaqtgħuhom malajr fil-paga ta’ wara!

Nies li lanqas traċċa ta’ mistħija m’għandhom. Nies bħal Noel Buttiġieġ Scicluna, Ann Fenech, Stefano Mallia u Simon Busuttil stess li huma biss ftit milli tħanżru kemm felħu u qalgħu much l-eluf jew l-egħxieren t’eluf, iżda l-mijiet t’eluf u anke l-miljuni fil-karriera tagħhom; u issa se jidhru fuq quddiem jipprotestaw kontra l-korruzzjoni; kontra l-aġir ta’ Konrad Mizzi li minkejja li għamel qassata, ma’ wettaq l-ebda korruzzjoni.

Issa l-għajta tal-PN saret “irridu riżenja” l-ħin kollu meta l-aħħar sena tat-tmexxija tagħhom kienet insult kontra d-demokrazija u kkaratteriżżata b’difiża ta’ nies li serqu l-miljuni minn ħalq il-Maltin. Il-Partit Laburista tista’ tikkritikah fuq ħafna affarijiet: it-tmexxija bażwija ambjentali, l-aċċenn fuq bini bla rażan, il-governanza batuta u n-nuqqas ta’ meritokrazija u tista’ tikkritika l-fatt li t-tmexxija bdiet tikkrola ferm kmieni fil-leġislatura, iżda bl-ebda mod ma’ tista’ tqabbel dawn mal-ħniżrijiet li saru taħt il-PN. Dawn prattikament imlew l-istituzzjonijiet kollha importanti tal-pajjiż b’nies tal-qalba, kwalifikati jew mhumiex biex jużawhom bħala arma rieqda li llum stenbħet biex tagħmel bsaten fir-roti kbar lill-gvern tal-ġurnata; u l-PL huwa stupidu wisq li jagħraf x’inhu jiġri. Anzi kompla jimtela’ bl-opportunisti li l-għan tagħhom huwa biss li jaħtfu u jiffungaw bħalma ħafna minnhom kienu diġa jagħmlu taħt il-PN. U ma rridux ninsew insemmu Laburisti li llum tlaħħqu minkejja li ma jiswew xejn, diġa sikru bil-poter u qed jaraw ħafna Laburisti oħra dubbien. Dawn qed itellfu ħafna voti lill-PL u jidher ċar li l-partit ma’ jafx x’se jaqbad jagħmel.

Dan l-isparar kollu fis-saqajn huwa kollu tort ta’ Joseph Muscat li mexxa kampanja effettiva ħafna, iżda ftit li xejn għaraf x’inhuma r-realtajiet tat-tmexxija li nfetata b’25 sena ta’ dominazzjoni Nazzjonalista. Forsi għax Muscat fil-fond ta’ qalbu jammira l-istil Nazzjonalist u għalhekk qiegħed jieħu ħafna deciżjonijiet simili li qed ibiddlu l-PL f’kopja tal-PN.

Il-każ ta’ Konrad Mizzi ma’ kellux jasal s’hawn u ma kellux jagħti opportunita’ tajba lill-PN u lil dawk l-intellettwali li jilgħabu ta’ newtrali u dejjem joħorġu bi ħġarhom biex jikkritikaw lill-PL meta l-PN għamel affarijiet ferm agħar, biex joħorġu għall-attakk.

X’ħaseb Joseph li l-Muvument ta’  Moderati u Progressivi li bena għadu sħiħ?

Jekk jaħseb dan, vera qed jgħid fil-fantasija!

 

Advertisements
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: