Home > Opinion > Ċensu Tabone u Dun Peter ma kienux perfetti!

Ċensu Tabone u Dun Peter ma kienux perfetti!

Ċensu l-Qassisu!

Taqbel jew ma taqbilx magħhom, dawn il-jumejn mietu żewġ personaġġi politiċi li ħallew impatt fuq is-soċjeta Maltija.

Aħna tal-Mazzun m’aħniex ipokriti u se noqgħodu ninċensaw dawn il-personaġġi għas-sempliċi raġuni li mietu. Dak inħalluh f’idejn il-lagħqin li gawdew minn fuq dahrom. Aħna ngħiduha kif inhi u mhux se noqgħodu nfaħħru lil xi ħadd meta ma naqblux ma’ ħafna li għamlu.

Fil-kas ta’ Ċensu Tabone, kulħadd emfasiżża kemm kien ġentlom u minn tagħna, u dan aħna naqblu miegħu mil-lat personali. Imma aħna tal-Mazzun nafu li Tabone kien il-kaġun tat-tluq ta’ eluf kbar ta’ Maltin fis-sittinijiet lejn l-Awstralja, l-Ingilterra u l-Kanada meta kien fil-kabinet ta’ Borġ Olivier u tgħidx kemm spiċċaw maqsuma u mfarrka familji, imma f’dan iż-żmien ma kenitx daqshekk importanti l-familja għall-Partit Nazzjonalista!

Kien ukoll wieħed mill-Ministri tal-PN li kissru u ħallew lil Malta bla sold fil-bidu tas-sebgħinijiet, tant li Mintoff kellu joħloq il-Korpi biex iħaddem in-nies u Tabone u sħabu tgħidx kemm kienu tkażaw għax għamel hekk.

Aħna m’għandniex eta’ biżżejjed biex ngħidulkom bl-oxxenitajiet li għamlu n-Nazzjonalisti fis-sittinijiet bit-tipjip tas-sigaretti mingħajr taxxa fil-parlament u bil-gvern ta’ Borġ Olivier inkluż Ċensu Tabone jappoġġjaw il-kuruna li ġieli kienet issawwat lill-Laburisti għax jipprotestaw kontra d-deċiżjonijiet ħorox li kienet tieħu kontra l-ħaddiem bil-Gvern tal-PN ma jlissinx kelma.

Ċensu Tabone kien ukoll allejat kbir ta’ Gonzi u l-Knisja, u qabel mad-Dnub il-Mejjet meta dan ġie mpost  fuq il-Laburisti għaliex minn dejjem kien dixxiplu kbir tal-Knisja.

Fis-sebgħinijiet, ma ddejjaqx jgħid li m’għandniex nikkolaboraw ma’ “Tal-Ħabbażiż” għax Mintoff ried jagħmel trattati mal-Libjani, trattati li kemm hu u Gonzi komplewhom.

Ħalliha li nies bħall-Daphne u l-Boċċa jinċensaw lil kull min ġej minn xi kamp Nazzjonalista, filwaqt li jiddemoniżżaw lil kull min għandu x’jaqsam mal-Partit Laburista; qishom il-personaġġi Nazzjonalisti biss qatt m’għamlu xejn ħażin waqt it-tmexxija tagħhom.

Għalina Ċensu Tabone kien l-ewwel u qabel kollox protettur tal-Knisja Kattolika u jibqa’ magħruf għal mod kif ġew itturufnati eluf kbar ta’ ħutna Maltin minn pajjiżhom.

Noffru l-kondoljanzi lill-familjari tiegħu, iżda l-opinjoni tagħna tiegħu ma tinbidilx!

Peter il-Manipulatur!

Ma tantx se tisimgħu b’tifħir lejn Dun Peter mill-Laburisti għax ir-raġel kien anti-Laburista kbir u qassis politiku li għen lil Fenech Adami jirbaħ l-elezzjonijiet biex imexxi ‘l quddiem l-aġenda tiegħu li kienet waħda personali.

Dun Peter kien bniedem maħmuġ u żdingat, u dik parti mill-personalita’ tiegħu, iżda kien ukoll manipulatur kbir li uża l-Universita’ għall-skopijiet personali tiegħu, biex jagħti mbuttatura lill-Fakulta tat-Teoloġija, biex idaħħal lil min irid (anke meta kienx ħaqqhom) u biex jeduka kapirjuni Nazzjonalisti li kieku ma kienx għalih qatt ma daħlu l-Universita’ – nies bħal Joe Saliba, Mario Galea u Charlo Bonniċi.

Dun Peter irnexxielu jbiddel l-Universita’ f’waħda nepotista bħalma għamel il-Gvern li tant kien iħobb, u din ma nistgħux naħfruhielu.

Minkejja dan, ma nistgħux ma’ nbaxxux rasna għal fatt li Dun Peter kien intelletwali kbir u għen biex jinfetħu l-bibien ta’ l-Universita’. Xorta ma nistgħux naħfrulu li l-Universita’ li sawwar fil-xbiha tiegħu baqgħet waħda medjokri, mimlija nies b’mentalita’ ċkejkna moħħom f’ħaddieħor aktar moħħhom biex joffru konsulenzi lill-gvern tal-PN milli jgħallmu lis-studenti tagħhom.

Dun Peter illum ħalliena b’Universita’ xiħa mimlija dekan anzjani kkakkmati mal-Fakulta tagħhom sakemm imutu u mingħajr l-iċken interess li jtellgħu demm ġdid ma jmurx xi ħadd joħdilhom posthom.

Lanqas nistgħu niskuża l-fatt li l-Universita’ tiegħu hija waħda nieqsa sew mir-riċerka u li għamlet ftit li xejn biex timxi lil hemm mis-sempliċi teorija u toffri vantaġġi materjali lill-pajjiż.

Nafu li bħala filosfu kien mitluf fil-kunċetti mprattiċi tagħha li ma jiġux tradotti sew għad-dinja tax-xogħol u dan jixhdu ‘l fatt li l-Universita’ ta’ Malta hija meqjusa bħala medjokri anke fuq skala Internazzjonali.

Biex ħadd ma jgħajjarna li aħna nobgħodu jew negattivi wisq fuq Dun Peter, aħna napplawdu l-fatt li kellu moħħu miftuħ u kien lest li jikkritika u ma jaqbilx mal-posizzjoni tal-Knisja f’materji kontroversjali, iżda nafu wkoll lil bħal Dun Joe Borġ, Dun Peter kien importanti u b’saħħtu wisq biex tmissu l-Kurja Maltija jew  l-Arċisqof ta’ Malta u għalhekk seta’ jagħmel li jrid.

Ma skantajniex  li l-akbar eloġju għamilhomlu Richard England li xeba’ jaqla’ l-miljuni mingħand il-Gvern Nazzjonalista u minn fuq dahrna.

 

Advertisements
  1. Joseph Cardona
    March 19, 2012 at 3:38 pm

    Jien ma nistax naqbel mal-opinjonijiet in ġenerali tad-direzzjoni tal-Mazzun.
    Nibda bit-Tabib Ċensu Tabone. Il-MLP beda biex jibbojkottjah u spiċċa jagħraf il-kapaċitajiet tiegħu u xtaqu li jerġa’ jagħmel term ieħor. Mela l-MLP ġera ħafna bil-passjonijet pulitiċi tiegħu u ħallat ħaġa m’oħra. Dwar li kellhomm iħallu Malta għadd imdaqqas minn uliedha ma kienx għalkollox ħtija tal-PN immexxi minn PM tabilħaqq ġentlom għall-aħħar u ma kienx ifittex butu bħalma għamel Mintoff meta żied f’butu Lm28 fil-ġimgħa meta f’xandira qal li ma sabx flus biex iħallas lil taċ-Ċivil u mn’Alla kien Gaddafi! Ċensu f’intervista li xxandret wara mewtu ċar u tond kien qal li l-Ingliżi messhom ittrattaw lil Malta ferm aħjar għax kienet ta’ użu u siwi kbir biex intrebħet it-Tieni Gwerra Dinjija u setgħu jżommu l-Imperu Ingliż. Malta anke fl-Ewwel Gwerra kellha rwol importanti xi twettaq u dan kollu nsibuh fl-istorja.

    Dwar Fr Peter, moħħu kien ittrenjat fuq bażi filosofika u ma narax li kien supperv, anzi kien sbukkat u kkritika bil-qawwa kollha r-riformi edukattivi mill-PL. Dan avolja ma kienx wisq f’siktu u kellu jiġi rikoverat. Li seta’ ġara hu l-fatt li l-Kattoliċiżmu jifforma organizzazzjoni magħmula mill-Papiet li b’arroganza ġejja mis-setgħa u minn tagħwiġ bibbliku, li Fr Peter kien iħossu skomdu li jikkritika b’mod miftuħ sewwa. Li l-Universita’ ta’ Malta mhix minn quddiem hu fatt, u ta’ min isemmi li l-imbuttatura li ħadet kien dovut sewwa għall-fatt li saret b’xejn, anzi bdew ħerġin l-istipendji mit-taxxi tal-poplu, l-aktar ta’ dawk li huma mgħaffġin bil-piżijiet tagħhom. Ir-rebħa PN taħt Fenech Adami kienet riżultat tat-tmexxija vjolenti li Malta qatt ma kienet rat bħala ħlief għas-7 ta’ Ġunju 1919.

    Fl-aħħarnett, jekk aħna tabilħaqq insara – mhux kattoliċi – u nemmnu fl-imħabba t’Alla u ta’ Kristu, għandna d-dmir li ningħaqdu fi ħsebijietna kemm ma’ Ċensu kif ukoll ma’ Peter u nitolbu ‘l Alla biex f’isem Ibnu Ġesu, iħallihom jgħammru Miegħu fl-eternita’. Il-perfezzjoni mhix prerogattiva ta’ din id-dinja.

  2. Joseph Cardona
    March 19, 2012 at 3:46 pm

    Dwar il-kummenti tiegħi fuq Fr Peter, flok PL fit-tieni vers, aqraw PN. Niskuża ruħi tal-għelt tipografiku.
    Grazzi.

  1. No trackbacks yet.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: