Home > News > Dak li ma urewniex il-cameras is-Sibt filgħodu ( it-Torċa)

Dak li ma urewniex il-cameras is-Sibt filgħodu ( it-Torċa)

Maġġoranza sfurzata għall-gvern
minn victor vella (it-Torċa)
Il-mod kif il-Gvern ta` Lawrence Gonzi jinsab maqsum ħareġ ċar ilbieraħ filgħodu, meta minn votazzjoni li saret fil-Parlament reġa` deher kif żewġ deputati tal-Gvern, il-Perit Jesmond Mugliett u Jeffrey Pullicino Orlando ma jaqblux mal-mod kif ingħatat iż-żieda fis-salarji tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari, li taw lilhom infushom paga doppja li tlaħħaq aktar minn €500 fil-ġimgħa. Għalkemm iż-żewġ deputati Nazzjonalisti, ivvotaw mal-Gvern iddikjaraw li ma kienux qegħdin jaqblu. Jeffrey Pullicino Orlando jiddikjara dan f’intervent fil-Parlament qabel il-votazzjoni u Mugliette jiddikjara l-ħsieb tiegħu fi stqarrija li qassam lill-membri tal-istampa.

Il-qasma fil-kamp Nazzjonalista ħarġet l-iktar biċ-ċar f‘dawk l-20 minuta ta‘ stennija qabel jittieħed il-vot. Waqt li l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista nġabar fuq in-naħa fejn ikun hemm l-Ispeaker, iż-żewġ deputati Nazzjonalisti li esprimew nuqqas ta’ qbil baqgħu ħdejn xulxin fil-bank tagħhom. Spikka l-mod kif dawn iż-żewġ deputati kienu kważi injorati għal kollox minn sħabhom l-oħra. Waqt li għal xi ħin Jesmond Mugliett deher juri d-dikjarazzjoni li qassam lill-istampa lil Pullicino Orlando, ħdejhom mar il-whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius. Kien evidenti li bdew jiddiskutu s-sitwazzjoni.In-nuqqas ta’ qbil mal-mod kif kienu qegħdin jimxu dawn iż-żewġ deputati deher b’mod ċar meta d-deputat Jeffrey Pullicino Orlando għamel id-dikjarazzjoni tiegħu fejn qal li l-intenzjoni tiegħu qabel daħal għad-dibattitu kienet dik li jivvota favur il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni u dan biex jesprimi s-sentiment tal-poplu. Iżda qal li meta sema‘ dak li kellu xi jgħid il-Prim Ministru Gonzi, fejn dan ammetta li din il-kontroversja hi imbarazzanti għall-Parlament, hu biddel fehmtu. Pullicino Orlando qal li kien qed jaqbel mas-suġġeriment tal-Prim Ministru li ppropona li jkun addottat il-mudell tal-Parlament Ingliż u qal li se jivvota favur biex jagħti ċans lid-diskussjoni tkompli timmatura.Quddiem din id-dikjarazzjoni kemm il-Ministru Austin Gatt kif ukoll il-Prim Ministru Gonzi dehru jxenglu rashom b’nuqqas ta’ qbil. Spikkat id-dehra ta’ Austin Gatt, li tefa’ rasu lura fuq is-siġġu u beda jħares lejn is-saqaf tal-Parlament.

L-apatija fil-kamp Nazzjonalista dehret mill-bidu tas-seduta hekk kif din bdiet b’sitt deputati Nazzjonalisti biss, li kienu Michael Gonzi, Francis Zammit Dimech, Beppe Fenech Adami u Fredrick Azzopardi.

Fid-dibattitu tal-bieraħ spikka wkoll il-Prim Ministru Lawrence Gonzi, fejn għal ħafna mill-ħinijiet kien prattikament waħdu, b’ħafna mid-deputati għal xi raġuni jew oħra, lanqas biss resqu lejh. Kien biss Stephen Spiteri li għal xi ħin deher imur ħdejh u jitkellem miegħu, waqt li David Agius għal xi ħin ukoll deher ħdejh, għalkemm dan wisq probabbli li kien qed jinfurmah dwar ix-xogħol tiegħu bħala Whip bi preparazzjoni għall-votazzjoni.

Ġibed l-għajn ukoll il-Viċi Prim Ministru Tonio Borg, b’mod partikolari wara d-dikjarazzjoni ta’ Pullicino Orlando, li deher jitkellem ras imb ras mal-Prim Ministru.

Id-dikjarazzjoni li qassam il-Perit Jesmond Mugliett lill-istampa preżenti fil-Parlament, qajmet kurżità fost għadd ta’ membri li bdew iħarsu għal ħinijiet twal lejn dik in-naħa, hekk kif rawh joħroġ id-dikjarazzjoni iqassamha u jitkellem mal-ġurnalisti biex ikun ċert li għaddieha lil kullħadd.

Kuntrarju għal votazzjonijiet oħra jaħarqu, fejn normalment, meta l-vot jgħaddi favur il-Gvern kien ikun hemm storbju, ċapċip u ġieli anki xi kummenti sarkastiċi, ilbieraħ in-naħa Nazzjonalista kienet siekta għal kollox.

Intant, wieħed mill-ewwel deputati li ħarġu mill-Parlament kien propju Jeffrey Pullicino Orlando.

Mis-seduta tal-bieraħ ħareġ ukoll il-mod aġitat u nervuż li bih tkellem il-Prim Ministru fejn mhux biss deher jipponta s-swaba lejn in-naħa tal-Oppożizzjoni, iżda anke jhedded fuq miżuri li ħa biex jirranġa ċerti anomaliji li kien hemm fejn jidħlu kandidati li jitilgħu fil-Parlament u li xogħlhom ikun mal-Gvern.

Bil-Prim Ministru jiddikjara li hu mdejjaq u mħasseb b’din il-kwistjoni, qal li issa l-affarijiet qabżu l-limitu u ma jistax joqgħod kwiet.

Qal li bil-miżuri li ħa hu stess biex deputati li jkunu jaħdmu mal-Gvern jibqgħu maċ-ċivil iż-żieda li ħadu fi dħul dawn il-membri hu ferm akbar mill-ammont li se jieħu hu. Qal, waqt li indirizza lil deputati tal-Oppożizzjoni: “il-professjoni tagħkom €500 fil-ġimgħa tiswa? Kunu ġenwini – tiswa għaxar darbiet aktar. Għalfejn qed tiġu tbellgħuha lin-nies li ma tafu b’xejn? Mela fejn kontu? Kontu reqdin f’dawn it-tlett snin? Jien imdejjaq u inkwetat b’din il-kontroversja bejnietna. Li qed nagħmlu jibbenefika minnu kulħadd.”

Iddikjara: “hemm limitu li nissapporti għalih u meta jinqabeż le ma noqgħodx għaliha.”

U biex wieħed jara kemm il-Ministri u xi membri Parlamentari jirreaġixxu mill-ewwel kif jisimgħu xi kumment fuq il-kwistjoni tas-salarji, hemm l-eżempju tal-Ministru Tonio Borg li waqt li kien ħiereġ mill-Parlament flimkien mad-Deputat Beppe Fenech Adami, membru tal-grupp Graffitti li inżertaw kienu hemm, għaddewlhom kumment.

“Ministru, il-paga tiegħi żdiedet jew? Jew tiegħek biss iżżid?” kien il-kumment. Iż-żewġ deputati daru lura biex jaraw minn fejn hi ġejja u kif raw lil tal-Graffitti kkummentaw lura. Uffiċjal tal-Pulizija mar fuq il-membru tal-Graffitti u qallu biex ma joqgħodx jgħajjat barra l-Parlament.

Advertisements
Categories: News Tags: , , , ,
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: