Home > Opinion > Għaliex se nivvutaw IVA nhar is-Sibt 28 ta’ Mejju

Għaliex se nivvutaw IVA nhar is-Sibt 28 ta’ Mejju

Aħna tal-Mazzun se nivvutaw IVA fir-referendum nhar is-Sibt 28 ta’ Mejju. Sa mill-ewwel bloggata tagħna ftit ġimgħat ilu, dejjem sostnejna l-appoġġ tagħna għall-IVA. Pero’ hekk kif żviluppat il-kampanja, l-IVA tagħna wkoll ħa sura differenti. Għall-ewwel konna sempliċement favur id-divorzju għal koppji li għandhom bżonnu. Imma l-pożizzjoni reazzjonarja, selvaġġa u barra minn lokha tal-Knisja Kattolika Maltija wasslet biex aħna nappoġġjaw l-IVA fil-ġlieda bejn Malta sekulari u dik fundamentalista, li sfortunatament għandha l-kompliċita’ ta’ parti mill-istat, preċiżament il-partit fil-gvern.

Kien hemm bosta li staqsewna: “Imma intom minn fejn inqlajtu? Min intom? X’inhi l-aġenda tagħkom?” Ir-risposta tagħna hija sempliċi. Aħna grupp ta’ nies, Maltin, minn oqsma differenti tal-ħajja, miżżewġin bil-familja u t-tfal, li rajna fl-Internet mezz biex inwasslu leħinna. Jekk trid għid li aħna “lpup” u “briganti”, u tkun qed tfaħħarna flok tinsultana. Kważi kienet kumbinazzjoni li bdejna din il-websajt fi żmien il-kampanja referendarja. Imma dan is-suġġett tana pjattaforma tajba biex inwasslu l-ideat tagħna, bi stil totalment differenti minn dak tas-Saħħara tal-Bidnija per eżempju.

Aħna tal-Mazzun id-divorzju m’għandniex bżonnu. U nixtiequ li qatt ma niġu bżonnu. Imma nafu b’diversi Maltin li għandhom bżonnu llum qabel għada. Għax aħna m’aħniex egoisti, għax ma nibżgħux mit-theddid ta’ l-Infern u d-dnub mejjet tal-Knisja, u għax nemmnu fid-dritt ċivili li tibni familja ġdida, aħna se nivvutaw IVA għad-divorzju. Anke jekk ikollna lil Ġesu’ Kristu jħares lejna waqt li nagħmlu s-sinjal fil-kaxxa s-safra.

Dawn huma raġunijiet biżżejjed biex infehmu għaliex aħna ħadna dil-pożizzjoni favur id-divorzju u kontra l-Knisja Maltija li ddefset f’ħaġa purament sekulari. Aħna totalment favur separazzjoni ta’ vera bejn Stat u Knisja, u l-inqas ħaġa li naċċettaw huwa partit politiku, biex tgħaxxaqha fil-gvern, poġġut mal-Knisja Kattolika Maltija.

Wara r-referendum se nkomplu nagħtu l-fehma tagħna, jekk hemm bżonn mill-Infern għax inkunu vvutajna IVA. Imma għax aħna nsegwu l-liġijiet ta’ Malta, inkluż dik elettorali, mhux bħall-Knisja Kattolika li taħseb li hija ‘l fuq mil-liġijiet u li użat theddid spiritwali li huwa llegali, se nosservaw is-silenzju ta’ qabel il-vot min-nofs il-lejl tal-Ħamis. Xorta se nkomplu b’servizz ta’ aħbarijiet nhar il-Ġimgħa u s-Sibt, u wara li tagħlaq il-votazzjoni s-Sibt fl-10pm nerġgħu niftħulha, gass mal-pjanċ.

Kunu magħna l-Ħadd speċjalment għal aħbarijiet u kummentarju dwar dak li jkun qed iseħħ fis-sala ta’ l-għadd tal-voti u anke barra.

Advertisements
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: