Home > Opinion > Il-KontroPastoral tal-Mullah – Divorzistan fuq Facebook

Il-KontroPastoral tal-Mullah – Divorzistan fuq Facebook

“Ħbieb, wasal iż-żmien li ninżgħu ftit il-maskra. Ma jfissirx li ser jinkixef il-moħħ ta’ Divorzistan min hu, għax ċuċ sa barra m’inix.

Divorzistan bdiet bħala ċajta – il-bżonn irrefrenabbli li nidħak daħka bil-messaġġi apokalittiċi, paranojċi u beżgħana tal-moviment li jgħid ‘Le’. (Il-‘Le’ jinkludi Żwieġ Bla Divorzju, il-Knisja, il-Partit Nazzjonalista jew aħjar partijiet minnu, il-moviment ta’ dak l-eżaġitat li jħobb ixejjer il-Bibbja, il-“moviment” Le B’Rispett Lejn il-Ġejjieni, et cetera).

L-evoluzzjoni tal-bniedem skond il-LE għad-divorzju. Sors: Divorzistan fuq Facebook

M’hawn ebda dubju li jien u dawk kollha li għafsu l-buttuna ‘Like’ fuq il-paġna tagħna huma favur id-divorzju. M’għandi ebda dubju lanqas li ħafna nies li raw il-billboards tagħna daħku daħka jew għallinqas, apprezzaw l-ispirtu li hemm warajhom. Daħħkuni wkoll il-kontribuzzjonijiet tan-nies – li inkludew lil Bin Laden moħbi wara l-billboard li hemm tas-Sliema (vittma ta’ xi miljun karikatura), lil Montesin, lil Lino Banfi, u mbagħad kellna Star Wars, lil Tonio Fenech vittma tiegħu stess, u ovvjament ħafna karattri mill-kamp tal-Le. Il-favoriti personali tiegħi ħa nsemmiehom fuq fuq: Beckham (suċċess mhux mistenni), il-famuż Jekk Jidħol id-Divorzju togħla l-Vitella, Angelik u Olio Cuore, u finalment it-teorija ta’ l-Evoluzzjoni ta’ l-argumenti tal-Le – billboard satiriku li ma tantx idaħħak, għax ħa kelma b’kelma dak li ntqal s’issa.

Issa wasal il-mument li nagħtu l-aħħar spinta, mhux il-mument li nibqa’ nitkellem fit-tielet persuna kif nagħmel is-soltu fil-manjiera ironika ta’ Divorzistan. Wasal il-mument tas-serjeta – u napprezza kemm hi diffiċli tkun serju wara li għal erbgħa ġimgħat sħaħ inbixt u tmellaħt b’dak kollu li ntqal f’din il-kampanja assurda u assurdista.

Kieku kienet elezzjoni ġenerali, ma kontx nagħmilha żgur; imma din id-darba l-għadu huwa kbir, b’saħħtu, wiesa’ bi spallejn daqs travu; iżda huwa ukoll arroganti, Stalinist u fuq kollox, ma jaħmilx lil min mhux bħalu. Jhedded u jfajjar bl-addoċċ, ikeċċi lin-nies minn fuq il-post tax-xogħol, jitfa’ il-ġebla u jaħbi idu; għandu mod uniku kif jiġġustifika kollox u jħobb iżeffen fin-nofs il-mistiku, lil dak Alla li ħafna minna jemmnu fih iżda li mid-dehra huwa propjeta’ esklussiva ta’ dan l-għadu tagħna.

Għadu li għandu poter fid-djar u fil-knejjes, fil-kaxxa tal-posta miżgħuda b’imbarazz differenti fosthom il-Bargain, għadu li minn fejn jagħmel tattika ta’ bumbardament kontinwu. Bumbardamenti, Pastorali, biża, Stukas, theddid. Il-video ta’ Hitler li għamilt ftit ġimgħat ilu llum narah bħala xi ħaġa ta’ dinja oħra, donnhom użaw it-tattika ta’ Goebbels biex ipattu għal naqra ironija dwar Pierre Cordina.

Divorzistan mexxa l-kampanja online, u donnha ħadmet. Spiċċajna saħansitra fit-Times avolja ma ndunawx li aħna. Imma rridu nagħrfu li dan l-għadu tagħna jisfrutta lil min, minħabba raġuni jew oħra, m’għandux mezz biex jara l-messaġġi tal-IVA online. Jidħol f’darhom permezz ta’ fuljetti u jtanbrilhom fuq ir-radju. Jheddidhom fl-omeliji.

Meta JPO ilbieraħ semma “Terroriżmu Spiritwali” ħadli espressjoni li kont ser nestendi għal “Terroriżmu Emozzjonali” – il-famuża “Jekk jidħol id-Divorzju…”.

S’intendi għandhom ħafna flus x’jonfqu, hemm xi ‘benefattur’ li għandu għal qalbu ‘l-patrimonju tas-soċjeta Maltija’ li intom, ħbieb isseparati tiegħi, qed jgħidulkom biċ-ċar li ma jridukomx fih.

Dan kollu aħna ma nistgħux nagħmluh, u ma rridux nagħmluh lanqas – mhux sabiħ nbeżżgħu, mhux sabiħ inwerrċu lin-nies b’tgħawwiġ ta’ fatti u lingwa legali.

Madankollu dan ma jfissirx li ma nistgħux nirribattu, persuna ma’ persuna, dan l-attakk meskin tal-konservattivi u t-tattika tat-terrur.

Sempliċiment, irridu ngħinu sabiex joħorġu jivvutaw in-nies favur id-divorzju. L-apatija li taw is-surveys ser taħdem kontrina: irridu negħlbuha. Kull familja, kull qarib, kull kuġin, kull vot – huwa vot għal soċjeta fejn l-imħabba ma tibqax dominju tal-Knisja, iżda jkollha drittijiet ukoll mingħajr ma jkun hemm stigmatizzazzjoni tagħha.

Dil-kelma fid-dibattitu ħadd ma tkellem dwarha: l-imħabba. L-imħabba m’għandhiex ikollha ħitan jew konfini. L-imħabba li terġa’ tinbet hija dak li l-Moviment tal-Le ma jridx.

Ejjew naħdmu għal soċjeta li trid tħobb.”

Advertisements
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: